27/01/2024
Kaċċatur Għawdxi kien tressaq il-Qorti fl-2023 fejn ġie akkużat, li meta fid-29 t’April 2022 kien għall-kaċċa waqt l-istaġun miftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa, huwa ‘kkaċċja jew ipprova jikkaċċja, ħa jew ipprova jieħu għasafar li huma protetti. Fl-20 ta’ Lulju, 2023, il-Qorti sabet lill-kaċċatur ħati tal-akkuża unika miġjuba kontra tiegħu u mponiet fuqu multa ta’ elf u mitejn Ewro (€1,200) kif ukoll ordnat il-konfiska tal-arma tan-nar. Kif ukoll, l-istess Qorti ordnat is-sospensjoni tal-liċenzja tal-kaċċa għall-perjodu ta’ sentejn (2) mid-data tas-sentenza. Finalment, il-Qorti ordnat id-distruzzjoni tal-arma tan-nar!
Ma l-aħbar tas-sentenza, BirdLife Malta tgħidtx kemm ferħu u ċċelebraw, u mingħajr mistħijja jew rispett il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife, Mark Sultana, kiteb powst fil-midja soċjali fejn wara li ddiskriva lill-kaċċatur bħala “Caveman”, barbaru, idjota w arroganti li jġor senter, qal li li kieku ma kienx għal BirdLife ħadd ma kien jintebaħ b’dan il-każ għax il-pulizija t’Għawdex rieqdin!
Sultana ukoll ikkritika lill-kaċċatur għax dan jista jkun membru tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), u kompla jgħid li l-infurzar tal-liġijiet f’Għawdex huwa għajb. Hawn, Sultana tefa t-tort fuq il-Ministru Clint Camilleri meta insinwa li peress li l-Ministru huwa kaċċatur u nassaba, qisu b’daqshekk m’għandux dritt jew xi disunur, dan dajjef il-liġijiet biex l-infurzar ma jistax isseħ. Għalhekk, Sultana kompla, li minkejja din is-sitwazzjoni, u għal darb’oħra bis-saħħa tal-evidenza li kienu resqu l-BirdLife fil-Qorti, din id-darba l-ġustizzja rebħet, għalkemm skond l-istess Sultana, il-kaċċatur kien aktar jixraqlu piena ta’ habs u konfiska permanenti tal-liċenzja!
U bħallikieku dawn l-attakki w insulti kollha ma kienux biżżejjed, Sultana għażel li jattaka wkoll il-professjoni tas-Sinjura tal-Ministru Camilleri, l-avukatessa diffensur tal-kaċċatur, u kkonkluda li hi mhux professjonali!
Fl-1 t’Awwissu 2023 il-kaċċatur appella mis-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2023, u f’partijiet tas-sentenza li tat il-Qorti tal-Appell fil-25 Jannar 2024, l-istess Qorti nnotat li:
- Ix-xhud Olivia Romero Collins, attivista tal-BirdLife li kienet fuq il-post tal-allegat reat minn fejn ġibdet il-filmat li tressaq bħala evidenza fil-każ, waqt li kienet qegħda tixhed u ġiet muriha n-nies li kien hemm fl-awla ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika lill-kaccatur akkużat li kien fl-awla dak il-ħin;
- Bħala regola, jekk jiġi b’xi mod muri li dik l-evidenza (il-filmat f’dan il-każ) li tkun tresqet ma tkunx l-aħjar evidenza, l-Qorti tkun trid tiskarta dik l-evidenza u ma tistrieħx fuqha. Din ir-regola hija ntiża li tassikura li l-evidenza li titressaq tkun awtentika, veritjiera u b’saħħitha u mhux qarrieqa, kontraffatta jew dgħajfa. Għaldaqstant, il-Qorti qablet li dan il-filmat għandu jiġi skartat u m'għandux jitqies bħala xi prova inkriminatorja fil-konfront tal-kaċċatur;
- Ix-xhud Nicholas Barbara, il-“Head of Conservation” tal-BirdLife, ġie mwiddeb mill-Qorti li bħala xhud ma setax jagħti interpretazzjoni tal-filmat għax ma kienx imqabbad bħala espert tal-Qorti;
- Nicholas Barbara li kien qiegħed jinterpreta l-filmat meħud minn ħaddieħor, lanqas ikkonferma li għaraf lill-kaċċatur bħala li huwa l-istess wieħed li jidher fil-filmat;
- Illi x-xhieda mogħtija minn Nicholas Barbara, ma hija xejn ħlief second hand information mgħoddiha lilu mill-persuni li kienu fuq s-sit u detto del detto ta’ dak li kien sema’ li ġara.
Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollhu, l-Qorti laqet l-appell tal-kaċċatur u irrevokat is-sentenza mogħtiha mill-ewwel Qorti u illiberat lill-kaċċatur mill-imputazzjoni u piena.
Fl-aħħarnett, ħadd m’għandu jżomm in-nifs biex jistenna xi appoloġija mill-BirdLife Malta. L-appoloġiji sinċiri ma jsirux minn nies li jaħsbu li huma fuq il-liġi; li fl-arroganza tagħhom ma jirrispettaw lil ħadd jew ma jistħu minn ħadd, lanqas mill-għola awtoritajiet; li jajru, jinsulentaw u jittimbraw b’aġġettivi moqżieża lill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin; li ta’ spiss iqarqu u jigdbu f’ċertu informazzjoni li ġieli jitrasmettu, għax ma jaċċettawx il-prattika tal-passjonijiet u t-tradizzjonijiet soċjo-kulturali tal-kaċċa u l-insib tal-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin.
17/04/2023
03/04/2023
15/02/2023
16/07/2022
06/07/2022
27/06/2022